Raġel ta’ 42 sena mill-Mosta, li sawwat lill-eks mara tiegħu b’cable tal-elettriku, waqt li binhom ta’ 7 snin kien qed jara kollox, ingħata sentenza sospiża.
Isem ir-raġel, ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, sabiex tiġi protetta l-identità tal-vittma u tal-minuri.
L-inċident seħħ fi Frar ta’ sentejn ilu, meta r-raġel sawwat lill-mara b’cable u plakka, tant li kkważalha ġrieħi f’wiċċha, dahrha, żaqqha, u dirgħajha.
Fil-Qorti ntqal kif il-koppja kienu għaddejjin minn proċeduri ta’ separazzjoni. Il-mara ċaħdet dak li akkuża r-raġel, jiġifieri li hija kienet f’relazzjoni ma’ raġel ieħor.
Il-mara, qalet li t-tifel kien qed jirtriegħed bil-biżà, filwaqt li ji ċemplet lill-Pulizija.
Missier il-mara, li wkoll kien jgħix mal-koppja, qal li hekk kif sema’ dan kollu, huwa pprova jieħu lit-tifel barra mid-dar. Huwa żied jgħid li bintu kella għajnejha mbenġla.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, intqal li ma kien hemm ebda evidenza li turi li l-mara pprovokatu, u li ma kien hemm ebda raġuni valida għalfejn kien vjolenti. Intqal li dan l-aġir huwa kundannabbli.
B’hekk, huwa ġie kkundannat għal 9 xhur priġunerija, sospiżi għal sentejn. Huwa ġie ordnat ukoll li jħallas €525 fi spejjeż tal-Qorti, filwaqt li daħlet fis-seħħ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.