Il-Pulizija ressqet il-Qorti lil Nassir Musbah Ali, Etjopjan ta’ 31 sena, wara li allegatament inqabad fil-fatt jisraq minn karozza pparkjata l-Ħamis wara nofsinhar fil-Birgu.
L-ispettur Paul Camilleri u l-Prosekutur Alexia Schembri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali akkużaw lil Musbah Ali b’serq aggravat.
L-ispettur qal lill-Magistrat Lara Lanfranco li l-imputat jinsab akkużat li seraq basket, li fih kien hemm mowbajl u kartiera, minn karozza li kienet ipparkjata fix-Xatt tal-Birgu. Il-ħalliel twaqqaf u kien miżmum minn persuna li kienet għaddejja mill-post sakemm assistew il-Pulizija.
Fil-Qorti ntqal li l-akkużat ipprova saħansitra jaħrab lill-Pulizija u wara ftit ħin l-affarijiet misruqa ġew mgħoddija lura lis-sid fil-post tas-serqa stess.
Min-naħa tiegħu, l-imputat, li hu residenti fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far u ma jaħdimx, ammetta l-akkużi wara li, fuq parir tad-difiża, ingħata ċans jikkonsidra l-pożizzjoni tiegħu.
Hekk kif il-Qorti għarblet is-sitwazzjoni kollha u ħadet konsiderazzjoni ta’ numru ta’ fatturi, ikkundannat lil Musbah Ali għal sena ħabs, sospiżi għal sentejn.