Pawlina Cutajar, ta’ 28 sena mill-Gżira ngħatat sentenza sospiża wara li nstabet ħatja li, fil-Qorti stess, heddet żewġ uffiċjali tal-Pulizija li kienet se tpattihielhom meta, aktar kmieni dan ix-xahar, instabet ħatja li kienet bdiet tmexxi burdell.
Cutajar ġiet akkużata wkoll li ma obdietx ordni mill-awtoritajiet, li insultat u heddet uffiċjali tal-Pulizija u Maġistrat, li kisret il-paċi pubblika, u li kienet riċediva.
L-avukat tagħha informa lill-Qorti li Cutajar kienet qed titlob skuża lil kull min kien involut, filwaqt li spjega li l-insulti tagħha kienu lejn l-ispetturi, u mhux lejn il-Maġistrat.
Wara li ammettiet il-ħtija għall-akkużi, hija ngħatat sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ €800. Hija ġiet imwissija wkoll li, jekk tersaq lejn iż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija, tingħata multa ta’ €7,000.