Sid ta’ klieb li fl-aħħar jiem attakkaw u gidmu numru ta’ residenti fil-Gżira, ngħata sentenza sospiża mill-Qorti wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.
David Farrugia li għandu 54 sena u huwa residenti l-Gżira kien qed iħalli li l-klieb tiegħu jiġru fil-lokalità tal-Gżira mingħajr ċinga minkejja li kien jaf li huma perikolużi. Ir-raġel ġie akkużat ukoll li ħeġġeġ lill-klieb jattakkaw lill-Pulizija filwaqt li m’obdiex l-ordnijiet tagħhom.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti ordnat li Farrugia ma jitħalliex irabbi klieb fir-residenza tiegħu, huwa jista’ jrabbi biss qtates jew għasafar. Fil-Qorti ma tantx deher interessat li jkollu annimali oħra fir-residenza tiegħu hekk kif qal li “Aħjar ma jkolli xejn, xbajt b’dawn il-problemi.”
Il-Qorti ordnat ukoll li l-Animal Welfare tieħu fil-kustodja tagħha l-klieb ta’ Farrugia u ssibilhom familja alternattiva.