Ir-rabja għal kumment li għadda sieħbu fuq it-tfajla tiegħu ħallew lill-Olandiż Youri Kai Smit b’ sentenza sospiża ta’ tnax-il xahar ħabs.
Smit, ta’ 24 sena kien akkużat quddiem il-qrati li fil-31 ta’ Lulju fit-tlieta u nofs ta’ filgħodu weġġa’ b’mod serju lill-Anthony Joma Rood tant li spiċċa l-isptar wara li dan tal-aħħar għaddielu kumment dwar it-tfajla.
Għall-ewwel Smit wieġeb mhux ħati iżda ammetta l-akkużi miġjuba kontrih sitt ġimgħat wara fl-ewwel sessjoni tal-każ wara li ntemmet il-kumpilazzjoni tal-evidenza mill-prosekutur. Din l-ammissjoni ħadmet favurih meta l-maġistrat Aaron Bugeja ġie biex jagħti s-sentenza tiegħu.
Il-Maġistrat innota li l-akkużat kien ipprovokat bil-kummenti li saru mill-vittma, għaldaqstant illimita il-piena għal sentenza sospiża.