Daniel Felice mill-Għarb ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiża għal erba’ snin.
Dan wara li ftehim fil-Qorti bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża wassal biex Felice kellu l-akkużi ta’ attentat ta’ qtil imnaqqsa għal akkużi li darab b’mod gravi lil Sean Holmes.
Il-każ imur lura għal Diċembru tal-elfejn u tlettax meta Felice spara tiri lejn Holmes.
Tiri li waslu wara li Holmes mar id-dar ta’ Felice dwar ir-relazzjoni li omm Holmes kellha ma’ missier Felice. Relazzjoni li, allegatament, kienet iddeġenerat għal waħda fejn il-mara sofriet theddid u abbuż fiżiku.
Hekk kif Holmes kien miexi lil hinn mill-argument, Felice laqtu bi tliet tiri t’arma tan-nar.
Quddiem il-Qorti kriminali, Felice ammetta l-akkużi mnaqqsa – iġifieri li darab gravi lil Holmes mingħajr l-intenzjoni li joqtlu.
Il-Qorti kkunsidrat anke li Felice kien qed jirreaġixxi għall-aggressjoni ta’ Holmes, li mar għal missieru f’daru.
Minbarra s-sentenza sospiża, Felice ġie mmultat erba’ mija u ħamsa u sittin ewro.