Shaginiani Rafieli, Raġel mill-Gorġja, kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin hekk kif ammetta li daħal f’żona ristretta fl-ajruport isegwi mara li kien qed jittanta.
Il-Qorti prreseduta mill-maġistrat Monica Vella, semgħet kif ir-raġel ta’ 27 sena ġie arrestat il-bieraħ għal-ħabta tas-sagħtejn ta’ wara nofsinhar, meta uffiċjali tas-sigurtà rawh dieħel wara passiġġier f’żona li hu ma setax jidħol.
L-avukat tal-għajnuna legali, Charmaine Cherret spjegat kif ir-raġel m’għandux saqaf fuq rasu u kien jibża mill-ajruplan, tant li ġie Malta bil-katamaran. Qalet li huwa beża meta ra l-pulizija se jarrestawh madankollu l-ispettur Silvio Magri qal li l-akkużat meta twaqqaf gideb dwar x’kien qed jagħmel, filwaqt li qal li lanqas lill-avukata tiegħu ma qal il-verita.
L-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.