Somalu ta’ tletin sena, tressaq il-Qorti b’urġenza, is-Sibt, akkużat b’inġurji fost l-oħrajn.
Il-każ seħħ fil-25 ta’ Lulju f’San Ġiljan, meta l-vittma mar fl-għassa tal-lokal, u qal li safa’ attakkat mill-imputat, li kien liebes qmis ikkulurita.
Il-Pulizija dlonk bdiet tinvestiga, fejn sabet lill-Imputat fil-post indikat mill-vittma.
Aktar tard, il-vittma ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Noel Axiak, intqal li l-imputat huwa riċediv, hekk kif din mhix l-ewwel darba li xellef difrejh mal-ġustizzja.
Minkejja dan il-Maġistrat qal lill-imputat li se jagħtih l-aħħar ċans, u għalhekk ingħata sentenza ta’ sitt xhur sospiżi għal sentejn.
L-Imputat ġie ordnat biex ma jersaqx lejn il-vittma.