Raġel ta’ 28 sena ġie kkundannat 13-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn wara li ammetta li hedded u darab b’mod ħafif mara.
Huwa kien akkużat ukoll li ħebb għall-mara biex idejjaqha u li kkaġuna li tintuża biża fil-mara li se tintuża vjolenza kontriha. Kien mixli wkoll li kiser ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ordnat divjett fuq isem l-imputat u poġġiet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma.
Ordnat ukoll li l-imputat jingħata trattament għar-rabja għal tliet snin. Semmiet li jekk l-imputat jikser xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet huwa jittieħed il-ħabs biex iservi s-sentenza b’mod effettiv.
Intant qabel bdiet is-seduta l-akkużat deher jibki fil-kuritur tal-Qorti u jgħid lill-Pulizija li ma jridx imur il-ħabs.
Il-Prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Roderick Agius bl-Avukat Lennox Vella jidher għall-imputat. L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru parte civile għall-vittma.