Silvio Pace, raġel ta’ 48 sena mill-Ħamrun, ġie ordnat iħallas lura €4,000 li kien seraq minn appartament fix-Xemxija f’Marzu li għadda.
L-appartament kien tal-Patrijiet Karmelitani u flimkien mal-ordni, Pace ngħata wkoll sentenza sospiża.
Fil-Qorti, wieħed mill-Patrijiet xehed kif fil-25 ta’ Marzu, waqt li kien fi triqtu lejn l-appartament ra raġel jaqbeż mill-gallarija tal-appartament.
Hekk kif dan tal-aħħar induna li rah xi ħadd, telaq jiġri minn fuq il-post, bil-Patri jinnota li naqsu xi flus mill-appartament, u għamel rapport.
L-akkużat, li huwa missier Brandon Pace li nqatel ix-xahar li għadda fil-Ħamrun, ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, bil-maġistrat Antonio Micallef Trigona jikkundannah sena ħabs sospiża għal sentejn.