Mustaċċun tal-logħob tan-nar weħel tletin elf ewro multa u tmintax-il xahar ħabs sospiżi wara li fi Frar tas-sena li għaddiet instablu ammont ta’ materjal splussiv miżmum illegalment.
Anthony Cauchi, ta’ tnejn u sebgħin sena mill-Għarb Għawdex ġie akkużat li daħħal f’Malta porvli tal-isparar jew esplussivi oħra mingħajr liċenzja u li żamm taħt il-kontroll tiegħu xi sustanza esplusiva, taħt ċirkustanzi li jgħattu għaliex wieħed għandu bir-raġun li jżommha fost akkużi oħra. Il-Qorti ntalbet tissospendi kull liċenzja tan-nar tal-imputat.
Il-Maġistrat Joe Mifsud ħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jaraw b’regolamenti u postijiet adattati għax-xogħol tal-logħob tan-nar sabiex dawn isiru f’postijiet awtorizzati u sikuri biex ma jkunx hemm min minħabba t-tradizzjoni, jirrikorri biex jaħdem in-nar b’mod klandestin.
Għaldaqstant, saħaq li għandu jinħoloq bilanċ bejn l-interessi varji f’dan is-settur, bis-sigurta’ u t-tradizzjoni għandhom jinżammu dejjem f’moħħ ir-regolatur.