Charles Paul Mifsud ta’ 49 sena ngħata sentenza sospiża wara li ammetta għal akkużi ta’ ksur ta’ paċi pubblika u fastidju fuq żewġ uffiċċjali tal-Pulizija fost l-oħrajn.
Fil-Qorti nstema’ li fit-13 ta’ Diċembru, l-imputat waqqaf żewġ uffiċċjali tal-Pulizija f’Tas-Sliema fejn kienu għaddejjin b’ronda, u qalilhom li kien għadu kif tah fastidju persuna oħra. Ġie spjegat li huwa kien fis-sakra, u beda jkun aggressiv mal-Pulizija billi ma obdiex l-ordni tagħhom u beda jirreżisti l-arrest.
Wara li ġie arrestat, huwa qatta’ numru ta’ ġranet f’Monte Karmeli, minħabba li għandu vizzju tax-xorb. Wara li ġie rilaxxat, huwa reġa’ ġie arrestat sabiex jitressaq il-Qorti.
L-imputat pubblikament skuża ruħu għall-imġieba tiegħu, filwaqt li stqarr li għandu rispett għall-Korp tal-Pulizija.
Huwa ngħata sentenza ta’ sena priġunerija sospiża għal sentejn, flimkien ma’ multa ta’ €2,000. Il-Qorti ordnat ukoll li huwa jfittex l-għajnuna b’rabta mal-problema tax-xorb.