Raġel li kellu argument ma’ martu għax binhom ma riedx imur għall-aċċess miegħu ġie kkundannat għaxar xhur ħabs sospiżi għal tmintax-il xahar.
Dan wara li nstab ħati li ħebb għal martu, ikkawżalha ġrieħi ħfief u taha fastidju.
Ir-raġel ġie mixli wkoll li uża apparat tal-komunikazzjoni sabiex jhedded lil martu u anki li ħebb għal ħu martu.
Intqal kif l-akkużat kien mar l-għassa taż-Żejtun u stqarr li hu kien imsawwat mill-qraba ta’ martu u kien hawn fejn il-mara tiegħu ċemplet l-għassa u għamlet rapport li żewġha kien isawwatha u jsegwiha.
Fil-Qorti l-mara qalet kif hi u l-akkużat kienu għaddejjin mill-proċedura tas-separazzjoni u li hu ħebb għaliha kemm-il darba.
Qalet li dakinhar tal-każ ipprova jiġbed lil binhom biex jieħdu miegħu u kien hawn li ħuha intervjena.
Fil-Qorti l-mara sostniet li żewġha kien ta daqqa f’wiċċha.