Raġel ta’ 34 sena mill-Isla ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin, wara li nstab ħati li, fl-2014, sawwat lill-eks sieħba tiegħu u kissrilha l-karozza.
Isem ir-raġel ma jistax jixxandar sabiex tiġi protetta l-identità tal-mara u ta’ binthom.
Fil-Qorti ntqal li l-argument beda wara li hija rritornat tard mix-xiri u rat lir-raġel iqalleb fil-mobile tagħha u beda jakkużaha li kienet qed tittradih.
Ħareġ kif waqt l-argument, il-mara qalgħet daqqa ta’ ponn u bis-sieq f’sidirha u ġenbha.
Fil-Qorti, l-akkużat xehed li huwa ma jiftakar xejn dwar l-inċident ħlief li ta xi daqqiet ta’ ponn fuq il-karozza tal-mara.
Ir-raġel ġie ordnat li jħallas multa ta’ iżjed minn €2,800 sabiex iħallas għall-ispejjez tal-ħsara li kkaġuna fuq il-karozza tal-mara.