Għalliem Sirjan li ammetta li daħal Malta b’mod illegali biex jingħaqad ma’ ħutu u biex jaħdem fil-gżejjer Maltin ngħata sentenza sospiża mill-Qorti kmieni llum.
Ahmad Alalo ta’ 30 sena ġie arrestat ilbieraħ mill-Pulizija tas-sezzjoni tal-immigrazzjoni l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ftit wara li wasal minn Ateni. Irriżulta li r-raġel Sirjan kien qed jipprova jidħol Malta bl-użu ta’ passaport ta’ xi ħadd ieħor.
Hu kien akkużat quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia u wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.
Il-Qorti semgħet kif Alalo, li hu għalliem ikkwalifikat, ried jaħrab mis-Sirja minħabba l-kunflitt li hemm għaddej fil-pajjiż. L-Ispettur Darren Buhagiar iddeskriva lill-akkużat bħala “migrant li qed ifittex ħajja aħjar” u nnota kif l-akkużat ikkollabora mal-Pulizija waqt l-interrogazzjoni.
L-avukat Jason Grima sostna li l-klijent tiegħu għandu jingħata l-istess trattament bħal migranti li jaslu Malta b’dgħajsa, u mhux jintbgħat il-ħabs.
Kien għalekk li l-Maġistrar qies kull deċiżjoni possibbli, dan hekk kif li jintbgħat lura lejn pajjiżu ma kinitx għażla vijabbli hekk kif fis-Sirja hemm il-kunflitt. Għalekk il-Qorti ddeċidiet li tagħti sitt xhur ħabs sospiżi għal tmientax-il xahar kif ukoll multa ta’ €750.