Il-Qorti tat sentenza sospiża lil ħaddiem tal-kostruzzjoni ta’ 36 sena li ammetta li f’Lulju li għadda wettaq att sesswali kontra l-volontà ta’ passiġġiera li kienet fuq xarabank iffullata.
L-akkuża ta’ Mohammed Mahmud Dirie kienet spiċċat fl-aħbarijiet ix-xahar li għadda. Waqt li kien qed jivvjaġġa fuq il-karozza tal-linja numru 14 ippakkjata mill-Belt Valletta għal San Ġiljan għall-ħabta tal-10pm, kien approfitta mill-kundizzjonijiet stretti biex jagħti pjaċir sesswali lilu nnifsu, b’mod li dejjaq turista Franċiża li nzertat kienet fuq btala Malta.
Dirie kien wieġeb ħati ta’ akkużi ta’ indeċenza pubblika, li wettaq att sesswali mhux kunsenswali fuq passiġġiera ta’ karozza tal-linja, li ssuġġettaha għal atti mhux mixtieqa ta’ intimità fiżika u imġieba sesswali oħra mhux mixtieqa. Huwa kien ingħata l-ħelsien mill-arrest, sakemm tingħata s-sentenza.