Sentenza sospiża għal Sava Kokir u Dragan Jovanovic, żewġ Serbi ta’ erbgħa u għoxrin sena, li kkawżaw ġrieħi gravi fuq terza persuna ta’ nazzjonalità Żvediża.
Il-każ seħħ is-Sibt għall-ħabta tal-erbgħa u kwart ta’ filgħodu fi Triq San Ġorġ, Paceville, f’San Ġiljan.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Keith Xerri akkużat ukoll liż-żewġ ġuvintur li kisru l-paċi pubblika.
Il-Prosekuzzjoni qalet li akkużat obda l-ordnijiet tal-Pulizija filwaqt li l-akkużat l-ieħor ħarab minn fuq il-post. Il-vittma ġie ċċertifikat li kellu ksur f’imnieħru, wara li ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura.
Id-Difiża nnotat li l-akkużati ddispjaċihom ta’ dak li għamlu u dakinhar, raw ħames persuni sejrin lejhom li ħasbu li se jattakkawhom.
Id-Difiża ma kkontestatx il-validità tal-arrest u talbet għal sentenza sospiża.
L-imputati t-tnejn wieġbu li huma ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, wara li kellhom il-ħin biex jirriflettu l-ammissjoni tagħhom.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea kkundannathom għal sena priġunerija sospiża għal sentejn. Dan filwaqt li l-istess Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma.