Renald Aquilina ta’ 27 sena ngħata sentenza sospiża wara li nstab ħati li tajjar mara waqt li kienet qed taqsam minn fuq l-istrixxi pedonali f’tas-Sliema.
L-inċident seħħ f’Settembru tal-2016, għall-ħabta ta’ tmienja u kwart ta’ filgħaxija (8.15pm), meta l-mara, flimkien ma’ mara oħra, kienu qed jaqsmu minn post fejn hemm id-dwal tat-traffiku li kienu qed iteptpu fuq l-oranġo, u l-karozzi waqfu.
Fil-Qorti nstema’ kif il-mara ntlaqtet mill-karozza misjuqa minn Aquilina, li kien xufier ta’ taxi, u li kien għaddej b’110 kilometru fis-siegħa. Bid-daqqa, il-mara spiċċat fil-karreġġata t-oħra.
Meta ġiet biex tagħti s-sentenza tagħha, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, qieset diversi ċirkostanzi fosthom li l-mara ġarrbet ġrieħi permanenti u li l-imputat kien qed isuq b’mod perikoluż.
Wara li qieset kollox, il-Qorti qalet li l-piena ta’ ħabs sospiża hija idonja meta tqis li l-akkużat kellhu għoxrin sena u s-sitwazzjoni tiegħu bi problema tad-droga.
Il-Qorti sabitu ħati u tatu sena ħabs sospiżi għal erba’ snin, issospendietlu l-liċenzja tas-sewqan għal tliet snin, ingħatatlu piena, kif ukoll tpoġġa fuq ordni ta’ trattament għal tliet snin biex jindirizza l-vizzju tad-droga.