Nigel John Abela minn Ħad-Dingli ingħata sentenza ta’ disa’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn flimkien ma’ multa ta’ sitt mitt ewro wara li nstab ħati li pprova jbiegħ arma misruqa lil Pulizija pajżan.
Fil-Qorti, is-Supretendent Keith Arnaud xehed fuq kif wara li rċieva informazzjoni, huwa ċempel lill-imputat u għamel appuntament miegħu sabiex jixtri l-arma lura fl-elfejn u disgħa.
Kif wasal fuq il-post, Arnaud identifika ruħu bħala Pulizija u wara tfittxija fil-vettura tiegħu, instab senter tat-tip M1 Garand, li kien misruq minn residenza fil-Ħamrun sentejn qabel.
Irriżulta li dan kien wieħed minn ħdax-il arma misruqa mir-residenza, iżda Abela kellu biss wieħed minnhom.
Wara tfittxija fir-residenza tiegħu, il-Pulizija sabet numru ta’ armi oħra li kienu ta’ xi ħbieb tal-imputat, flimkien ma siringi u pakketti żgħar ta’ kokaina.
Arnaud spjega li Abela ikkopera mal-Pulizija u li dak iż-żmien huwa kien jaħdem fid-dipartiment tal-VAT.
Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras sabet lill-imputat ħati fuq pussess ta’ kokaina, arma misruqa kif ukoll ta’ pussess ta’ armi mhux liċenzjati.
Għall-akkużat dehru l-Avukati Veronique Dalli u Dean Hili.