Raġel li pprova jitlaq minn Malta b’passaport falz, ingħata sentenza ta’ disa’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn hekk kif fil-Qorti ntqal kif dan ta informazzjoni utli lill-Pulizija li tista’ twassal għal arresti ta’ nies li jissupplixxu dokumenti foloz.
Huwa kien mixli li pprova jaħrab minn Malta b’passaport falz.
Fl-istess seduta, tlett irġiel Sudaniżi flimkien ma’ raġel mill-Eritrea, li kienu qiegħdin mal-ewwel imputat, ingħataw sentenza ta’ disa’ xhur ħabs wara li ammettew li ppruvaw jitilqu minn Malta b’passaporti foloz.
Fil-Qorti nstema’ kif ilbieraħ fis-sebgħa u nofs ta’ filgħodu, huma kienu se jippruvaw jaqbdu ajruplan għal Bologna. Instema’ kif il-ħamest irġiel kollha applikaw għall-ażil.
Hawn intqal kif magħhom kien hemm persuna oħra, li m’attendiex il-Qorti minħabba li kien ħassu ħażin, u kellu jittieħed b’ambulanza b’mod immedjat.
Apparti minn hekk, l-Ispettur sostna kif wieħed mill-ħamest irġiel huwa riċediv, hekk kif dan kien ipprova jaħrab minn Malta billi jinħeba f’kontejner.
L-Ispettur appella għal sentenza ta’ priġunerija effettiva, hekk kif dawn it-tip ta’ każijiet dejjem qiegħdin jiżdiedu, u b’hekk hemm bżonn ta’ deterrent effettiv.