Ricardo Javier Benavides Ordonez ta’ 32 sena mill-Iżvizzera kien ikkundannat 6 xhur ħabs sospiżi għal sentejn u mmultat €1,300 wara li ammetta li għamel ħerba barra lukanda f’San Ġiljan.
Huwa kien akkużat ukoll li kien fis-sakra, li kellu fil-pussess tiegħu droga kannabis, li hedded u nġurja ufficjali tal-Pulizija, li m’obdiex l-ordnijiet tagħhom u li kiser il-paċi.
L-Ispettur Leeroy Balzan Engerer qal li l-imputat waqqa’ mutur u kkawżalu danni ta’ €210. Qal ukoll li l-akkużat qatta’ ingravata tal-pulizija, għamel ġesti oxxeni u beżaq lejn il-pulizija meta kien arrestat.
L-imputat qal li kien fis-sakra u ma kienx jaf x’inhu jagħmel. Huwa skuża ruħu u wiegħed li jħallas id-danni li għamel.