Raġel ta’ wieħed u sittin sena u missier ta’ sitt itfal weħel sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin wara li fil-Qorti ammetta li għal iktar minn darba ffastidja lil martu u lil bintu.
Huwa kien mixli li għamel dan ir-reat quddiem iż-żewġ uliedu ż-żgħar.
Apparti minn hekk huwa kien mixli wkoll li lil martu u bintu beżżagħhom li kien se jġib ruħu magħhom b’mod vjolenti permezz ta’ żewġ armi li jaqtgħu u bil-ponta, heddidhom u insulentahom quddiem żewġ uliedu oħra.
L-imputat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Qorti li kienet ippreseduta Gabriella Vella qieset il-gravità tar-reat, iżda kkunsidrat ukoll il-fatt li l-akkużat ammetta fi stadju bikri u kellu fedina penali nadifa.
Inħarġet ukoll protezzjoni fil-konfront ta’ martu għal tliet snin.
Huwa jista’ jiltaqa’ ma’ martu biss fejn jirrigwardjaw iż-żewġt itfal żgħar.
F’każ li jipprova jagħmel kuntatt magħha mhux għal dawn l-iskopijet jista’ jeħel multa ta’ sebat elef ewro jew sentenza ta’ sentejn ħabs.