Sirjan ta’ sitta u għoxrin sena, residenti l-Greċja ingħata sentenza ta’ priġunerija ta’ sitt xhur sospiża għal sentejn wara li kellu fil-pussess tiegħu karta tal-identità Taljana falza.
Farhoud Hassan kien akkużat li kellu fil-pussess tiegħu karta tal-identità Taljana fuq l-isem ta’ Mohamed Hsin. Dan filwaqt li kien akkużat ukoll li għamel tibdil lill-karta tal-identità jew ffalsifikaha jew kien fil-pussess tagħha waqt li kien jaf li kienet falza possibilment bl-intenzjoni li jużaha.
L-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrieħ filwaqt li qal lill-Qorti li għada huwa kellu jħalli lil pajjiżna lura għall-Greċja. Il-Qorti tatu sentenza ta’ sitt xhur priġunerija sospiżi għal sentejn bil-kundizzjoni li jirritorna lura l-Greċja kif qal. Il-Qorti ppreseduta mill-maġistrat Francesco Depascuale, wissiet li jekk ma jirritornax lura pajjiżu għada huwa jerġa jinġieb quddiem il-qorti biex jaffaċja iżjed akkużi.