Raġel ta’ sitta u għoxrin sena weħel tnax-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati li erba’ snin ilu, b’negliġenza fis-sewqan ikkawża l-mewt ta’ missier ta’ żewġt itfal.
Il-każ kien seħħ fi Triq il-Marfa fil-Mellieħa, viċin l-bajja tal-Għadira.
Il-Qorti semgħet kif il-missier Andre Debattista, li dakinhar tal-każ kien f’sit tal-camping, ħa lil bintu f’latrina.
Minnufih ġiet karozza misjuqa minn Jonathan Hili u tajritu.
Il-missier kien ingħata l-ewwel għajnuna fuq il-post minn tabib li nzerta għaddej iżda sfortunatament ftit tal-ħin wara huwa ġie ċċertifikat mejjet.
Bint il-vittma, li għaddiet minn trawma, xehdet li mal-impatt hija nfexxet tgħajjat u ssejjaħ lil missierha.
Min-naħa l-oħra, l-avukati ta’ Hili qalu li l-klijent tagħhom kien għaddej minn żmien diffiċli fil-perjodu meta seħħ il-każ u saħansitra kien qed imur għand psikjatra.
Il-Qorti ordnat ukoll is-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan ta’ Hili għal sitt xhur.
L-avukati Franco Debono u Jason Azzopardi ddefendew lil min tajjar lil missier ta’ żewġt itfal.