Donna Andrews, ta’ sebgħa u tletin sena minn Santa Venera, ingħatat sentenza ta’ tmintax-il xahar ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammettiet li f’Jannar u Frar, serqet minn tliet ħwienet f’Birkirkara.
Fil-Qorti, hija skużat ruħha talli serqet oġġetti b’valur ta’ aktar minn elf ewro mill-ħwienet, fosthom anki supermarket.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li minn filmati ta’ kameras tas-sigurtà, il-mara tidher tisraq l-oġġetti, u l-Pulizija rabtuha ma’ serqa oħra f’Lulju.
Il-Qorti spjegat lill-mara li ma tistax twettaq reat ieħor tul l-erba’ snin li ġejjin, inkella awtomatikament tintbagħat il-ħabs għal tmintax-il xahar.
Hija tat il-kelma tagħha li mhux se terġa’ tisraq, u meta ġiet mgħarrfa li se tingħata wkoll l-għajnuna, qalet li tapprezza għax għandha bżonn, u skużat ruħha.