Zagħzugħ Libjan ingħata sentenza sospiża wara li nstab ħati li kkawża ħsara fil-Belt Valletta il-Ħadd filgħodu.
Anees Badroush ta’ tmienja u għoxrin sena ġie akkużat quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit mill-Ispettur Alfredo Mangion li għamel ħsara volontarja fuq vettura u fil-kommun ta’ blokka residenzjali fil-Belt. Huwa kien akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u li kien fis-sakra.
L-akkużat permezz tal-avukat tiegħu Martin Fenech wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.
Huwa ġie kkundannat għal sentenza ta’ tmien xhur sospiża għal ħmistax-il xahar u ġie ordnat jagħmel tajjeb għad-danni fi żmien sitt xhur, bl-akkużat mwissi li jekk ma jagħmilx dan jerġa jiġi arrestat.