Il-Qorti tal-Appell rrevediet sentenza ta’ sena ħabs u multa ta’ €1,000 għal waħda ta’ tmien xhur ħabs u multa ta’ €800 wara li pazjent, fost l-oħrajn, ġera wara pulizija b’siringa fl-Isptar Mater Dei.
Madwar sena ilu, waqt li pazjent kien qed jiġi eżaminat minn tabib u psikjatra f’Mater Dei b’rabta ma’ problemi ta’ droga, ġie avżat li ma jistax jintbagħat id-dar u ngħata l-għażla biex jiġi kkurat fl-Isptar Mount Carmel jew jibqa’ l-Isptar Mater Dei.
Għal dan il-kliem, il-pazjent irvilla u sar aggressiv. Meta l-Pulizija li kien stazzjonat l-isptar intervjena biex jikkontrolla s-sitwazzjoni, il-pazjent sar aktar aggressiv u kkaġunalu diversi ġrieħi. Is-sitwazzjoni kkomplikat ruħha meta l-aggressur ġera wara l-Pulizija b’siringa f’idejh sakemm dan tal-aħħar ingħalaq f’kamra. Minkejja li l-pazjent ipprova jkisser il-ħġieġ tal-bieb biex jidħol għall-Pulizija, dan ma rnexxilux. Xufier tal-ambulanza għen lit-tabib u lill-psikjatra biex jikkalmaw lill-pazjent sakemm dan ġie arrestat.
L-imputat tressaq il-Qorti u ġie kkundannat sena pruġunerija u ordant iħallas €1,000 multa. Huwa appella mis-sentenza, u l-Qorti tal-Appell rrevedietha għal tmien xhur priġunerija u multa ta’ €800.
B’reazzjoni għal dan, il-President tal-Police Officers’ Union fi ħdan il-General Workers’ Union, Sandro Camilleri, f’kummenti ma’ one.com.mt qal li sentenzi bħal dawn huma daqqa ta’ ħarta oħra f’wiċċ il-Korp tal-Pulizija.
“Din il-ġimgħa rajna xogħol siewi ta’ arresti, iżda sentenzi ta’ dan it-tip jwaqqgħu l-moral tal-istess membri tal-Korp,” temm jgħid Camilleri.