Giuseppe Calleja ta’ 77 sena kellu s-sentenza tiegħu mnaqqsa wara li oriġinarjament kien instab ħati li ġibed ritratti u filmati ta’ tfal li kienu indeċenti.
Erba’ snin ilu l-anzjan kien instab ħati li fl-2007 ħa sehem f’att li għen fil-koruzzjoni ta’ żewġ t’itfal li kellhom ħmistax-il sena.
Huwa iżda ma kienx instab ħati li pparteċipa f’attivitajiet sesswali mal-minuri.
Quddiem il-Qorti tal-Appell, id-difiża għall-anzjan qalet li l-ġenituri tat-tfal qatt ma għamlu rapport bil-miktub kontra l-klijent tagħha.
Intqal ukoll li l-liġi dwar l-aċċess tat-teknoloġija u komunikazzjoni għal materjal indeċenti ta’ persuni taħt l-eta’ daħlet fis-seħħ f’Diċembru tal-elfejn u sebgħa.
Hawnhekk id-difiża aċċennat li l-kompjuter tal-akkużat ġie elevat mill-pulizija ħames xhur qabel l-introduzzjoni ta’ din il-liġi.
Filwaqt li l-Imħallef David Scicluna rrikonoxxa diversi punti huwa qal li l-anzjan kien konxju li qed jikser il-liġi u għalhekk kien ħaqqu sentenza ta’ ħabs effettiva.
Kien għalhekk li kkundannah għal sena u tliet xhur priġunerija.