Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat ġudizzju kontra Malta f’każ li l-Kummissjoni Ewropea kienet fetħet fuq il-qafas leġiżlattiv li għandu pajjiżna fuq iċ-ċittadinanza b’investiment.
Każ li kien imrewwaħ mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista li ħadmet kontra sa mill-bidu tal-programm u anki fuq livell Ewropew, saħansitra waqt il-proċeduri tal-kawża.
Pajjiżna, permezz tal-Gvern dejjem kien ċar u ddefenda dan il-programm bl-argument prinċipali jkun li ċ-ċittadinanza hija għal kollox kompetenza nazzjonali.
F’Ottubru tas-sena l-oħra, saħansitra l-Avukat Ġenerali ta’ din il-Qorti, li s-sentenza tagħha mhiex appellabbli, kien ta opinjoni favur l-argumenti tal-Gvern Malti u din is-sentenza fil-fatt injorat ir-rakkomandazzjoni tal-Avukat Ġenerali.
Permezz tal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, sa mill-2015, il-pajjiż daħħal ħafna investiment b’fondi li marru fil-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF) u anki fil-kaxxa ta’ Malta.
Dawn il-flus intużaw fost oħrajn fi proġetti soċjali u f’għajnuniet waqt pandemija, xiri ta’ apparat mediku li jintuża fl-isptarijiet ta’ pajjiżna, għajnuniet lill-atleti Maltin u anki għajnuniet kbar lill-għaqdiet volontarji bħal Puttinu Cares u Hospice Malta.