Il-Qorti tal-Appell Kriminali biddel sentenza ta’ libertà kkundizzjonata ta’ tliet snin għal sentenza sospiża.
Dan fil-konfront ta’ Justin Vella ta’ 38 sena, li ammetta li kkawża ġrieħi gravi fuq persuna wara li tah xebgħa b’pajp tal-ħadid, b’riżultat li kellu bżonn il-punti f’wiċċu, filwaqt li tajjarlu sinna.
Il-każ seħħ fi Triq l-Imġarr f’Għajnsielem, Għawdex, fit-8 ta’ Jannar meta Vella waqqaf persuna li allegatament kienet qed issuq b’mod perikoluż u tah xebgħa.
Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, laqgħet l-appell tal-Avukat Ġenerali, li argumenta li s-sentenza li ngħatat ma kinitx biżżejjed, anke fid-dawl tal-fatt li l-akkużat ma kkontestax l-akkużi fil-konfront tiegħu.
Kien hawn li l-Imħallef innotat kif l-akkużi fil-konfront ta’ Vella kienu punibbli bi priġunerija għall-perjodu ta’ bejn sena u seba’ snin. Dan filwaqt li kellu fedina penali mtappna b’każi vjolenti.
B’hekk is-sentenza ta’ Vella nbidlet għal waħda ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, filwaqt li nħarġet ordni ta’ restrizzjoni fil-konfront tal-vittma.