Kamara Mamadi, raġel mill-Guinea ta’ 31 sena, ġie kkundannat disa’ xhur ħabs sospiżi għal sena u nofs, hekk kif il-Ħadd tressaq il-Qorti akkużat li għamel użu minn dokument falz fost oħrajn.
Huwa tressaq il-Qorti wara li nhar it-8 Lulju, instablu dokument falz waqt spezzjoni għal għarrieda mill-Pulizija tal-Imigrazzjoni u l-RIU fil-Marsa.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni, mmexxija mill-Ispettur Karl Roberts, qalet kif l-imputat kellu d-dokument falz u li għamel dikjarazzjoni falza dwar l-istess dokument meta kien mitkellem mill-Pulizija.
Minn aktar stħarriġ li għamlet il-pulizija, instab li l-akkużat xtara d-dokument falz għal €400.
Huwa wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Il-Qorti tatu ċans biex jaħseb dwar l-ammissjoni, iżda, reġa’ tenna l-ħtija.
Intant, meta l-prosekuzzjoni qiset l-ammissjoni fi stadu bikri u anke l-fedina penali nadifa tal-imputat, ma oġġezzjonatx għall-piena minima.
L-Ispettur Roberts żied jgħid li ma jistax jifhem għala Mamadi kellu dokument falz, meta kellu dokumenti oħra leġġittimi.
L-Avukat difensur, Mark Anthony Mifsud Cutajar, qal li jemmen li f’dan il-każ, il-Qorti għandha tikkunsidra s-sitwazzjoni u anke l-fatt li l-imputat ikkoopera mal-pulizija; għalhekk hu talab li s-sentenza ma tinkludix ħabs imma jinstab rimedju ieħor.
Il-Qorti, ipperseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, wara li qiset kollox, sabet lil akkużat ħati u għalhekk ikkundannatu disa’ xhur ħabs sospiżi. Il-Qorti ordnat ukoll l-ikkonfiskar tad-dokument falz.