Joseph Camilleri ta’ 44 sena miż-Żurrieq intbagħat tmintax-il xahar ħabs u weħel multa t’ elf ewro wara li nstab ħati li ħmistax-il sena ilu kien fil-pussess tal-kokaina u l-kannabis.
Minkejja ż-żmien li kien għadda minn fuq il-każ u li l-akkużat f’ das-snin irnexxilu jegħleb il-vizzju tad-droga, l-maġistrat Scerri Herrera iddikjarat li l-qorti ma setgħetx tinjora n-natura serja tal-akkużi fil-konfront ta’ Camilleri.
Is-sejba tad-droga tmur lura għal Mejju tal-2001 meta l-pulizija daħlet tfittex fir-residenza tal-akkużat wara perjodu t’ osservazzjoni u sabet il-pakketti tad-droga.