Jelle Rijpma, l-Olandiż ta’ erbgħa u għoxrin sena li kien qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ Shannon Mak sentejn ilu u li f’seduti preċedenti dejjem ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih, ammetta li qatel lill-eks tfajla u kollega tiegħu.
Shannon Mak, ta’ tletin sena, kienet instabet f’għadira demm bejn karozza pparkjata u ħajt ta’ ġnien f’Santa Venera.
Fil-Qorti kien ħareġ li Mak inqatlet brutalment b’daqqiet ta’ sikkina f’għonqha.
Marki tal-idejn li kienu nstabu mal-ħajt fix-xena tar-reat, jagħtu ħjiel li l-aggressur sabbat lill-vittma mal-ħajt qabel qatilha bid-daqqiet ta’ sikkina.
Il-ġisem bla ħajja tagħha kien instab kmieni filgħodu fit-tlieta t’Awwissu tal-elfejn u tmintax.
Quddiem il-Maġistrat Simone Grech, Jelle Rijpma, li dejjem ċaħad l-akkużi kontrih, biddel il-verżjoni u ammetta li hu ħati. Dak li seħħ illum fil-Qorti wassal biex ingħalqet il-kumpilazzjoni t’evidenza, u issa l-każ għadda għand il-Qorti Kriminali biex tingħata s-sentenza lil Rijpma.
Il-Maġistrati jisimgħu każi li jġorru magħhom sentenza ta’ ħabs ta’ mhux aktar minn tnax-il sena, u għaldaqstant omiċidju intenzjonat jeċċedi l-kompetenza tal-Qorti tal-Maġistrati.
Ir-raġuni wara l-bidla fil-verżjoni tal-akkużat mhix magħrufa, bħalma mhux magħruf jekk kienx hemm xi qbil dwar is-sentenza bejn id-difiża u l-prosekuzzjoni.
Waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda, il-Qorti semgħet kif xagħar ta’ lewn dehbi nstab fix-xawer ta’ appartament li kien qed jinkera minn Rijpma. Dan jindika l-preżena tal-vittma fid-dar tal-eks sieħeb tagħha. Fl-istess binja nstabu wkoll traċċi ta’ demm.