Sentejn mill-mewt ta’ dak meqjus bħala l-aqwa dobermann f’Malta, is-sid tal-kelb Shawn Pete Azzopardi għamel stqarrija fejn qal li minħabba d-dwejjaq li ħass meta mietlu l-kelb Omar Pasha, mingħajr ma kkunsidra l-affarijiet, huwa għamel allegazzjonijiet infondati li bihom wassal lin-nies biex jemmnu li l-kelb ġie vvelenat f’wirja msejħa ‘The Blue Lagoon International Show li saret fil-Mosta bejn it-8 u l-10 ta’ Ġunju ta’ sentejn ilu.
Din il-wirja kienet ġiet organizzata mill-Malta Kennel Club u fl-istqarrija, Azzopardi għamel apoloġija mal-klabb u l-membri tiegħu u anki mal-parteċipanti u l-ispettaturi li kien hemm fil-wirja.
Huwa għamel apoloġija wkoll fost oħrajn ma’ ONE News għaliex saħaq li tagħna informazzjoni ħażina meta rrappurtajna l-istorja tiegħu, sentejn ilu.
Meta kkuntatjajna lil Azzopardi, wara din l-istqarrija, huwa ma xtaqx jagħti intervisti iżda saħaq li l-kelb ġie vvelenat.
Fil-fatt fl-istqarrija li għamel, imkien ma qal li l-kelb ma ġiex vvelenat iżda huwa rtira biss l-allegazzjoni li għamel, li l-kelb ġie vvelenat fil-wirja msemmija.
Azzopardi qal li sal-lum għadu ma jafx kif il-kelb ġie vvelenat u qal li hu ċert li ġie vvelenat anki għax kienu saru testijiet xjentifiċi.
Mis-siltiet tal-intervista li s-Sur Azzopardi ta sentejn ilu lil ONE News, huwa ma kienx semma fejn ġie vvelenat il-kelb.
Il-kelb tiegħu kien rebaħ bosta kompetizzjonijiet.
Intant fit-tieni anniversarju tal-mewt tal-kelb, Shawn Pete Azzopardi qal li jittama li xi darba jkun jaf il-verità li ilu jfittex.
Filwaqt li tella’ ritratt mal-kelb f’pixxina, qal li hekk irid jiftakar il-kelb.