Robert Borg, ta’ 50 sena minn Ħal Tarxein ġie kkundannat għal sentejn u nofs ħabs wara li seraq ġugarelli tal-plastik li jammontaw għal tlett elef ewro u li kkawża ħsara li tammonta għal ftit anqas minn tlett elef u ħames mitt ewro.
Il-każ imur lura għal Lulju tal-2019, meta Borg flimkien ma’ Elvis Falzon kien arrestat wara li nqabad dieħel mingħajr permess f’fabbrika f’Bulebel. Il-pulizija kienu qegħdin jissorveljaw il-post wara li sid il-fabbrika kien irrapporta li żewġ ħallelin kienu daħlulu f’inqas minn xaharejn.
Filmati mill-kameras tas-sigurtà ppreżentati fil-Qorti juru lil Borg u Falzon jagħmlu toqba f’ġenb ta’ tal-canvas ta’ trakk minn fejn ħadu l-ġugarelli li kienu ppakkjati biex jitqassmu l-għada.
Borg deher ukoll jgħabbi l-ġugarelli f’Maruti sakemm Falzon kien qed jara li mhu jarhom ħadd.
Borg kien akkużat b’serq aggravat, pussess ta’ oġġetti misruqa u li għamel ħsara lill-propjetà ta’ terzi u riċediv, fost l-oħrajn, liema akkużi wieġeb li hu ma kienx ħati tagħhom fil-Qorti. Minkejja dan il-Maġistrat Rachel Montebello nnutat kif l-imputat kien ammetta mal-pulizija li seraq minn tal-inqas tliet darbiet oħra mill-fabbrika.
Għaldaqstant, hu kien ikundannat sentenza ta’ ħabs effettiva filwaqt li ġie ordnat jirċievi trattament għall-vizzju tad-droga. Borg ġie mġiegħel iħallas ftit inqas minn ħamest elef u ħames mitt ewro f’danni lil sid il-fabbrika u kważi erba’ mitt ewro fi spejjeż tal-Qorti.