Raġel ta’ 36 sena mill-Belt Valletta ammetta quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li ħaraq apposta vetturi f’Ħal Qormi.
Isem ir-raġel ma xxandarx fil-miftuħ sabiex ma jiġux imxekkla l-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
It-Tlieta filgħodu l-Prosekuzzjoni spjegat li, il-ġimgħa li għaddiet, ir-raġel qabbad vettura tal-għamla Toyota li kienet ipparkjata fi Triq ix-Xitwa, f’Ħal Qormi.
Il-Prosekuzzjoni żiedet tgħid li ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ. Madankollu, vettura oħra pparkjata maġenb it-Toyota u faċċata ta’ dar ġarbu xi ħsarat kawża tan-nar.
L-imputat ammetta wkoll li kien riċediv.
Fid-dawl tal-ammissjoni tal-imputat, il-Qorti kkundannatu sentejn u sitt xhur ħabs.