Donald Micallef ta’ 35 sena ġie kkundannat sentejn u disa’ xhur ħabs wara li nstab ħati ta’ żewġ każi ta’ misapproprijazzjoni. Hu ffroda koppja li sellfitu €30,500 u li żamm għalih flus mogħtija għal reklamar.
Il-każijiet imorru lura għal Frar ta’ seba’ snin ilu.
Huwa ġie orndat ukoll irodd ħamsa u għoxrin elf ewro li ssellef u li baqa’ ma raddx lill-koppja anzjana.
Fil-qorti ngħad li Micallef fil-kapaċità tiegħu ta’ direttur tal-kumpanija Market Handle Ltd. uża kliem qarrieq biex jikkonvinċi lil John Borg u lil martu Rita biex jisilfuh s-somma ta’ tletin elf u ħames mitt ewro. Huwa qalilhom li kellu bżonn il-flus għall-perjodu ta’ ġimagħtejn biex ikun jista’ jieħu self mill-bank. Fl-istess waqt wegħedhom li kien se jħallashom elfejn u ħames ewro u li l-flus kien se jroddolhom mingħajr paroli.
Donald Micallef wegħedhom li wara tliet ġimgħat il-bank kien se joħroġ is-self u wara jrodd il-25,000, u elfejn u ħames mija magħhom bħala ħlas għall-ftehim bejn iż-żewġ naħat.
Mill-evidenza li ġabret il-pulizija mill-investigazzjonijiet tagħha, irrizulta li l-akkuzat qatt ma kellu l-intenzjoni li jissellef xi flus mill-bank u l-flus ma ntużawx bħala kapital fil-kumpanija tiegħu hekk kif imwiegħed.
Saħasitra rriżulta li l-akkużat lanqas ma uza l-flus biex iħallas lill-impjiegati tiegħu tal-kumpanija li allegatament kienu qed jheddu li jitilqu mill-impjieg tagħhom.
Mill-provi li tressqu quddiem il-qorti, irriżulta li l-akkuzat beda jiġbed il-flus ftit ftit.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud qalet li l-akkużat ma ressaq l-ebda prova li huwa qatt kellu dawn il-flus u qalet li m’għandhiex dubju mill-ħtija tiegħu.
F’każ separat irriżulta li Micallef żamm għalih flus li ngħatawlu biex isiru riklami fuq it-televiżjoni.