Awwissu 2015, xahar li fih inħolqot ALS Malta. Fondazzjoni li matul dawn is-sentejn kisbet suċċess wara ieħor fejn tidħol kuxjenza dwar din il-kundizzjoni u ġbir ta’ fondi għar-riċerka.
Kollox beda mill-famuża ALS Ice Bucket Challenge li sentejn ilu rrenjat b’saħħa kbira fuq is-siti soċjali u l-midja. Din kienet l-ewwel attività li permezz tagħha ALS Malta nediet l-impenn tagħha għall-ġbir ta’ fondi. Hawn b’kollox kienu nġabru €6,100. Flus li kienu ntużaw sabiex jgħinu programm ta’ studju fl-Università ta’ Malta dwar kundizzjonijiet newroloġiċi.
Minn sentejn ilu l’hawn l-afarijiet imxew ġmielhom hekk kif mill-ewwel ġbir ta’ fondi ta’ madwar €6,000 f’sentejn ALS Malta ġabret l-ammont kolossali ta’ madwar €2,000,000. Dan kollu grazzi għal attività wara oħra li jverjaw minn kunċerti għal dimostrazzjonijiet ta’ saħħa.
Grazzi għall-isforzi ta’ volontiera fi ħdan ALS Malta tul dawn is-sentejn irnexxielha toffri għażla vasta ta’ servizzi professjonali u dedikati flimkien ma’ apparat mediku avvanzat ħafna.