Bħal-lum sentejn il-poplu għażel ‘Malta Flimkien’, għażel lil Robert Abela bħala Prim Ministru ta’ Malta u tah l-ewwel mandat tiegħu.
Dr Abela kiseb l-akbar rebħa elettorali fl-istorja ta’ Malta sovrana u beda jmexxi Gvern li embarka fuq ħidma ma taqta’ xejn għal aktar bidliet li jagħtu futur sabiħ.
“Il-mandat li tana l-poplu Malti u Għawdxi se nsarrfuh f’ħidma aktar qawwija b’umiltà akbar minn qatt qabel”, qal Dr Abela ftit wara li l-ewwel indikazzjonijiet mal-ewwel urew rebħa storika għall-Partit Laburista.
It-tmexxija ta’ Robert Abela f’dawn l-ewwel sentejn ta’ Gvern ġdid jimmarkaw ħidma importanti soċjali favur in-nies quddiem sfidi internazzjonali.
F’żewġ Budget, il-Gvern ta’ Robert Abela wettaq l-akbar investiment soċjali b’żidiet lill-pensjonanti u l-familji permezz taċ-children’s allowance, introduzzjoni ta’ mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja, it-tkomplija tas-sussidju fuq l-enerġija u l-prezzijiet tal-fjuwil, għajnuniet akbar lill-persuni b’diżabiltà, żewġ pattijiet soċjali li fissru żieda fil-Paga Minima Nazzjonali u stabbiltà f’450 prodott essenzjali tal-ikel u drittijiet ġodda għall-ħaddiema.
Dan apparti li Robert Abela kompla jistabbilixxi ruħu fix-xena internazzjonali bħala l-Mexxej ta’ Malta li kompliet timbotta pożizzjoni b’saħħithom favur il-paċi, il-Mediterran u prijoritajiet ġodda fosthom l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, bħall-proġett li Malta qed twettaq ma’ pajjiżi żgħar dwar l-immaniġġjar tal-ilma. F’sentejn fejn Malta kompliet tiġbed lejha rispett tal-komunità internazzjonali, illum bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u President tal-akbar organizzazzjoni tas-sigurtà fid-dinja, l-OSCE.