Brendan Cachia, ta’ 37 sena mill-Birgu, ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs u ġie ordnat isegwi trattament biex jindirizza l-vizzju tad-droga.
Dan wara li tressaq il-Qorti l-Ħadd filgħodu, fejn ammetta li wettaq sitt serqiet f’jumejn.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija bdew jumejn ilu, meta sar rapport minn mara, li qalet li nsterqilha l-basket minn raġel f’Ħaż-Żabbar.
L-imsemmija mara kellha karta tal-kreditu fil-basket, li mmarkat li kienet qed tintuża minn ġo ħanut.
Għaldaqstant, il-Pulizija marru fuq il-post u sabu raġel li qabel mad-deskrizzjoni li tat il-mar, li daħal f’karozza u ħarab minn fuq il-post. Huwa ġie segwit mill-Pulizija, u sussegwentament, arrestat.
Sadanittant, daħlu ħames rapporti oħra ta’ serq, minn ħwienet fil-viċinanzi tal-Fgura, Ħaż-Żabbar u Ħal Tarxien.
Filmati minn kameras tas-sigurtà fil-ħwienet urew kif ir-raġel, liebes l-istess ħwejjeġ, wettaq dawn is-serqiet.
Fil-Qorti ġie spjegat kif l-oġġetti li seraq l-imputat, li għandu l-vizzju tad-droga, kienu fliexken tax-xorb, sigaretti u mowbajl.