Leon Borg ta’ 22 sena ġie ikkundanat sentejn ħabs talli qatel kelb quddiem il-pulizija.
Il-każ ġara fil-21 ta’ Lulju li għadda meta omm l-akkużat ċemplet lill-pulizija wara li binha kien aggressiv possibbilment minħabba xi sustanza fir-residenza tagħhom f’Birkirkara.
Il-Pulizija tad-distrett flimkien mal-Pulizija tal-Rapid Intervention Unit marru fir-dar flimkien ma’ omm l-imputat. Wara tfittxija Leon Borg instab fuq il-kamra ta’ fuq il-bejt. Il-Pulizija għajtulu qam u xħin kien nieżel minn fuq il-kamra, ċedew żewġt iknatan. Huwa ngħata l-għajnuna mill-pulizija. Xħin daħlu fid-dar huwa ġie mistoqsi x’pilloli kien ħa, fejn qal li ma ħadd l-ebda pillola u ħareġ 45 pillola illi kienu fil-but tal-qalziet.
Sakemm il-pulizija kienet qiegħda titkellem miegħu, Borg daħal ġol-kamra tas-sodda, fejn kien hemm ommu, flimkien ma’ ħuh iż-żgħir. Huwa qabad il-mobile li kellu f’idejh ħuh iż-żgħir, u sabtu mal-art.
Ftit wara kelb tar-razza chihuahua ta’ lewn iswed, nebaħ u Borg qabdu minn dahru, qabadlu saqajh u sabbtu darbtejn fuq il-komodina. Il-Pulizija intervjenew sabiex ma jkompliex iweġġa’ l-kelb.
Borg beda jirreżisti l-arrest tant li l-pulizija kellha tuża forza minima sabiex jiġi mmanettjat u arrestat.
Il-Maġistrat Joseph Mifsud sabu ħati liż-żagħżugħ li ġabar il-kelb bandlu minn saqajh u sabbtu mal-komodina. Bil-kelb miet ftit wara minħabba l-grieħi serji li sofra.
Huwa nstab ħati ukoll li attakka jew irreżista uffiċjali tal-pulizija u kisser telefon ċellulari.
Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat Joseph Mifsud qal li din is-sentenza għandha sservi biex tibgħat messaġġ ċar lis-soċjetà fejn jiġu mħarsa l-annimali. Qal li mhux aċċettabbli t-tweġiba tal-imputat li qal li sabbat il-kelb mal-komodina għax beda jinbaħ ħafna quddiem il-Pulizija.
Il-Maġistrat Mifsud żied li l-Qorti trid tibagħat messaġġ li m’għandu jkun hemm l-ebda tolleranza għal vjolenza fuq il-Pulizija. Il-Maġistrat Joseph Mifsud għamilha ċara li l-Pulizija jridu jkunu protetti waqt li jagħmlu d-dmirijiet tagħhom u ħadd mhuwa skużat.
Għaldaqstant huwa ġie kkundanat sentejn ħabs u multa ta’ €5,000.