Carmelo Butler, ta’ 59 sena, residenti San Ġwann, intbagħat sentejn ħabs sospiżi għal 4 snin b’rabta ma’ ħasil ta’ flus.
Huwa kien mixli li, fl-2002 u qabel, wettaq ħasil ta’ flus billi kkonverta proprjetà li kien jaf li d-dħul għaliha kien ġej minn attività illegali.
Huwa deher għall-ewwel darba fil-Qorti fis-7 ta’ Mejju 2014, għax kien qed jiskonta sentenza ta’ ħabs fl-Italja.
Irriżulta li martu Carmen, li kellha prokura bankarja, kienet użat il-kontijiet ta’ bintu sabiex flus żewġha jiġu depożitati fihom.
L-omm u l-bint tressqu l-Qorti u filwaqt li l-bint ma nstabitx ħatja, l-omm instabet ħatja u ntbagħtet sentejn ħabs sospiżi għal 4 snin.
Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras qalet li l-piena tinkludi diversi reati fosthom 26 sena ħabs fl-Italja fuq traffikar ta’ persuni.
Butler ammetta wara numru ta’ seduti, u l-Prosekuzzjoni u d-Difiża qablu li għandu jiġi kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal 4 snin.
Galea Sciberras qalet li m’ordnatx il-konfiska ta’ dak li nkiseb b’mod illegali, għax dan kien diġà ġie kkonfiskat fis-sentenza li ngħatat martu.
Ritratt: Getty Images