Denzil Bartolo, Dalton Bartolo u Yurgen Grech ġew ikundannati għal sentenza sospiża ta’ sentejn priġunerija għal erba’ snin wara li ammettew l-involviment tagħhom fi ġlieda f’Paceville.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-erbgħa u nofs tas-Sibt filgħodu fi Triq Dragunara.
Fil-Qorti ġie spjegat kif meta marru fuq il-post il-Pulizija sabu lil grupp ta’ żgħażagħ bi fliexken ta’ ħġieġ f’idejhom. Intqal ukoll li minkejja l-isforzi tal-Pulizija l-argument kompla kiber bil-konsegwenza li tliet pulizija sofrew minn ġrieħi ħfief. Barra minn hekk, kellu jintuża taser gun fuq wieħed mill-akkużati.
L-akkużati ġew mixlija wkoll li qalu kliem oxxen fil-pubbliku, li kisru l-paċi pubblika.
Intant, Dalton Bartolo kien akkużat ukoll li kellu fuqu droga kokaina.
Fl-għassa l-akkużati ddikjaraw li ddispjaċihom ta li kienu għamlu.
Fid-dawl tal-ammissjoni, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech immultathom ukoll erbat’elef ewro kull wieħed li jridu jitħallsu fi żmien tliet snin, filwaqt li Dalton Bartolo ġie ordnat iħallas ukoll mija u tletin ewro lil uffiċjal tal-Pulizija.
Għall-akkużati dehru l-avukati Franco Debono u Matthew Xuereb.