Fil-Qorti t’Għawdex, Arthur Castillo ta’ 58 sena, li joqgħod Tas-Sliema, ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li, fit-18 ta’ Jannar ta’ sentejn ilu, Christine Gauci mietet waqt li kienet qed togħdos miegħu fi Mġarr ix-Xini.
Castillo kien ġie mixli bil-qtil involontarju tas-suldat Għawdxija wara li assuma li l-vittma setgħet tkompli togħdos minkejja d-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom.
L-imputat, li kien imħarreġ fl-għadis, qal fil-Qorti li meta huwa staqsiha biex iduru ’l ġewwa, hija xtaqet li jkomplu jgħodsu. Xehed li hija kienet qalet li kienet għadha kif spiċċat minn xift twil u li kienet għajjiena, iżda xorta waħda sostniet li riedet tinżel għax qalet li fil-baħar kienet tħossha aħjar.
Jirriżulta li ma kienx sar kuntatt kontinwu bejn Castillo u l-vittma u ma baqax jistaqsiha kemm kien fadlilha arja, meta suppost kien qed jogħdos magħha biex jiggwidaha u jieħu ħsiebha.
Il-Qorti kkunsidrat ukoll li Gauci kienet qed tuża ‘dry suit’ li ma kinitx tal-qies tagħha u li ma kinitx imħarrġa biex tużaha sew. Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Simone Grech ordnat lil Castillo jħallas €1,114 fi spejjeż tal-Qorti.
Il-prosekuzzjoni kienet immexija mill-Ispettur Josef Gauci.