Carmel Schembri ġie kkundannat erbatax-il xahar ħabs sospiżi għal erbgħa snin u multa ta’ €1,500 wara li wieġeb ħati fuq akkużi relatati ma qlieħ ta’ flus mill-prostituzzjoni.
Id-difiża tar-raġel mmexxija minn Dr Arthur Azzoppardi spjegat kif huwa fatt li Schembri kien qed jagħmel qliegħ mill-postituzzjoni iżda sostna kif f’dan il-każ ma kienx hemm maltrattament tal-prostituti u lanqas ma kien hemm każi ta’ traffikar uman. Dr Azzoppardi qal ukoll li l-imputat kien qed iħallas il-VAT kollu wara li l-ħwienet kienu reġistrati li qed jagħmlu l-messaġġi lin-nies. Sorsi spjegaw kif ir-raġel kien jitħallas fuq bażi ta’ commission ta’ 15% mingħand kull prostituta.
Dr Azzoppardi temm jgħid kif huwa jittama li għalkemm dan is-settur għadu meqjus bħala illegali jixtieq li fil-futur dan is-settur jiġi aktar regolarizzat u ma jitħalliex taħt it-tapit.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Roxanne Tabone mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji kkonfermaw ukoll li f’dan il-każ ma kienx hemm moħqrija tan-nisa u saħansitra kien hemm mara minnhom li kienet ġiet Malta għat-tielet darba sabiex tagħmel dan ix-xogħol.
Quddiem il-Qorti li nfetħet b’urġenza l-Ħadd filgħodu, tressqu wkoll tliet nisa mill-Amerka t’Isfel li kienu qed jagħmlu x-xogħol ta’ prostituti fl-istabbilimenti li kien jikru Schembri. Huma ġew rappreżentati mill-avukat tal-għajnuna legali Dr Martha Mifsud. In-nisa wkoll ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom bil-Qorti tati sentenza ta’ erbatax-il xahar ħabs sospiżi għal erba snin.
Il-Pulizija ppreżentat wkoll ftit anqas minn elf ewro li nstabu ġo ħanut flimkien ma tmien mitt ewro oħra li kienu moħbija ġewwa biċċa plastik imdaħħla ġewwa pakkett wet-wipes.
L-imputati permezz ta’ traduttriċi talbu wkoll li jiġu rritornati l-mobiles madankollu l-prosekuzzjoni ma qablitx minħabba li l-imputati kienu jużaw il-mobiles sabiex jikkomunikaw mal-klijenti tagħhom.