Pensjonant ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li affaċja numru ta’ akkużi b’rabta ma’ inċident vjolenti li seħħ il-Ħadd għall-ħabta tas-13:30 f’residenza privata f’Santa Venera.
Joseph Debono ta’ 65 sena minn tas-Sliema kien akkużat li pprova jweġġa’ serjament lill-eks sieħba tiegħu u binha. Kien akkużat ukoll li kkaġunalhom ġrieħi ħfief, li kien tahom fastidju u li kellu sikkina fuqu fil-ħin tal-inċident.
Hu u seħbitu kienu sseparaw ftit tax-xhur ilu. L-argument seħħ fid-dar tal-mara f’Santa Venera. Meta l-argument sar qalil, l-akkużat allegatament ta’ daqqiet ta’ sikkina lill-mara u lil binha li nzerga kien hemm.
Huwa ammetta l-akkużi u l-Maġistrata Claire Stafrace Zammit ikkunsidrat ukoll il-fatt li ikkopera mal-Pulizija u wera r-rieda li jattendi kors biex ifiq mill-vizzju ta’ xorb eċċessiv.