Hekk kif qed tkompli tkun miġġielda l-problema tat-traffiku u parkeġġ f’pajjiżna, żewġ lokalitajiet rebħu l-kompetizzjoni mnedija mill-Ministeru għat-Trasport u Transport Malta bl-isem ta’ Sustainable Urban Mobility Plans.
Il-Ministru Joe Mizzi ħabbar li ż-żewġ lokalitajiet rebbieħa tal-Mobility Actions Awards ,huma Ħal Qormi u Għajnsielem, u li se jibdew ix-xogħol fuq il-proġetti rispettivi tagħhom fiż-żmien li ġej.
Il-proġett li se jkun qed jaħdem fuqu l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi, li kklassifika fl-ewwel post f’din il-kompetizzjoni, huwa li jpoġġi sensors mal-parkeġġi permezz ta’ screens diġitali li se jindikaw lis-sewwieqa jekk hemmx parkeġġi vojta.
Dawn is-sensors se jitwaħħlu f’numru ta’ toroq fil-viċinanzi tal-Kunsill ta’ Ħal Qormi u li se jkunu qed jiffaċilitaw il-ħajja tas-sewwieqa. Is-sindku Rosianne Cutajar, stqarret li dan il-proġett se jkun wieħed innovattiv u li se jiffranka l-ħin lis-sewwieqa. ” Innutajna li l-ispazji ta’ parkeġġ disponibbli mhux qed jiġu utilizzati bl-aħjar mod u għalhekk ħsibna biex naraw kif inkunu innovattivi u noħorġu bi proġett fattibbli iżda fuq kollox li jagħmel differenza kemm lill-ambjent, iżda b’mod speċjali lill-ħajja tar-residenti u dawk li jkunu qed iżuru l-lokalita’.”