Ġiet inawgurata wirja tal-arti b’risq The Malta Community Chest Fund, fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, li ġie rinovat u nfetaħ għall-pubbliku ftit taż-żmien ilu.
Din il-wirja, tippreżenta madwar 40 biċċa t’arti, bil-maġġoranzja tagħhom magħmula minn artisti lokali.
Il-wirja Dokra, qed tittella’ mill-art4mccf, kumitat fi ħdan l-istess fondazzjoni, u hija l-aħħar waħda ta’ din ix-xorta li qed tittella’ taħt il-Presidenza tal-President George Vella.
Iċ-Chairperson ta’ dan il-kumitat, Lawrence Pavia, qal li l-bidla, fil-post tal-wirja toffri esperjenza immersiva.
John Huber, li huwa ċ-Chairperson tal-Borf tal-Amministraturi tal-Fondazzjoni, irringrazzja lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom sabiex tittella’ din il-wirja.
Tkellimna mal-kuratur ta’ din il-wirja, Roderick Camilleri, li spjegalna l-ħsieb wara t-tema ta’ din il-wirja.
“Ġejna b’tema li tiffoka fuq l-elementi li huma assoċjati mal-Presidenza, u anke mal-Malta Community Chest Fund. Il-Presidenza li l-irwol tagħha hija li tieħu ħsieb il-kostituzzjoni, u l-MCCF, qiegħda hemm biex tindokra u tieħu ħsieb lin-nies li għandhom bżonn.”
Roderick Camilleri – kuratur
Il-President Vella, spjega l-għan wara din il-wirja, hekk kif hija wkoll l-aħħar waħda tal-Presidenza tiegħu.
“40 biċċa, 40 artist, li jesebixxi hawnhekk. Hija kontinwazzjoni tal-esebizzjonijiet li konna nagħmlu, tal-biċċiet tal-arti għall-Malta Community Chest Fund, però minn San Anton, illum ġejna hawnhekk.”
Il-President George Vella
Il-pubbliku jista’ jżur il-wirja mingħajr ħlas bejn is-Sibt 17 ta’ Frar u nhar il-Ħadd 3 ta’ Marzu 2024 bejn il-17:00 u s-19:00.