“Xemx u xita xorta rridu nagħmlu xogħolna ta’ pulizija”. Hekk qaltilna l-Kuntistabbli Karen Chircop, waqt li ONE News qatta’ mal-Pulizija tal-Komunità parti sew mill-ġurnata tax-xogħol tagħhom.
F’dawra mal-pulizija minn filgħodu fost it-toroq u l-ħwienet ewlenin tal-Belt Valletta, stajna napprezzaw is-sens ta’ għaqda mal-pubbliku hekk kif jiġu avviċinati mill-uffiċjali assenjati.
Is-Surġent Merton Pace saħaq kif il-ġurnata tipika tal-Pulizija tal-Komunità tibda billi filgħodu fil-hub tagħhom u, mill-ewwel, jibdew bir-rondi fit-toroq biex dejjem ikunu preżenti fost il-komunità tal-Belt u l-eluf kollha li ta’ kuljum jiddeċiedu li jżuru l-post.
Pace kompla jgħidilna li, f’dan iż-żmien ta’ festi, ix-xogħol jiżdied għax iżjed nies iżuru l-ħwienet tal-kapitali u b’hekk iridu jkunu iżjed preżenti u attenti biex jiġu evitati xi reati, bħal serq mill-ħwienet.
Il-Pulizija tal-Komunità wkoll jagħmlu roadchecks biex jikkontrollaw is-sewwieqa li jixorbu u jsuqu.
Is-Surġent Pace għamel ukoll l-appell tiegħu għal sewqan prudenti dan iż-żmien ta’ ċelebrazzjonijiet.
“Ovvjament aħna dejjem nappellaw biex dan iż-żmien ta’ festi, min jixrob ma jsuqx.”
Surġent Merton Pace
Tkellimna wkoll mal-Kuntistabbli Karen Chircop, li semmietilna mument partikolari li esperjenzat mal-komunità tul il-karriera tagħha.
Spjegat kif riċentament kienet fuq xogħolha u waqfet l-Għassa tal-Belt u x’ħin daqq t-telefown irrispondiet, u kellimha raġel mill-Imsida, li qalilha li waqaf jgħin mara mitlufa fl-istess lokal u li x’aktarx tbati mid-dimensja.
Bl-uniku dettal li kellu kien li t-tifel tagħha jaħdem f’xi pizzerija fid-daħla tal-Belt.
“Għedtlu agħtini n-numru tal-mowbajl u d-dettalji tiegħek u ħallejtu b’hekk. Ċempilt il-pizzerija, staqsejt għall-pizzar u veru kellu ommu tbati mid-dimensja u dam jirringrazzjani, għedtlu dawn affarijiet żgħar. Għedtlu ħa nagħtik in-numru tar-raġel li ċempilli, għax ommok l-Imsida qegħda. Irranġaw bejniethom u reġgħat daħlitli telefonata u kien dan ir-raġel mill-Imsida. Qalli grazzi u vera napprezza, vera kont ta’ għajnuna. Għalija he made my day. Inti meta tgħin u tgħin mill-qalb, dak hu x-xogħol tagħna.”
Kuntistabli Karen Chircop