Il-qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni biex in-Nutar Myriam Spiteri Debono tinħatar il-11-il President tar-Repubblika turi l-buon sens, għax b’din l-għażla ġiet magħżula persuna kompetenti.
Dan intqal mid-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis b’reazzjoni għall-vot Parlamentari storiku, li ttieħed l-Erbgħa filgħaxija, fejn il-Parlament ivvota b’mod unanimu biex Spiteri Debono tkun is-suċċessura ta’ Dr George Vella.
Dan hekk kif ħamsa u sebgħin deputat ivvotaw favur, waqt li ħadd ma vvota kontra.
Dr Edward Zammit Lewis, eks Ministru tal-Ġustizzja, innota kif din ir-riforma għaddiet mill-Parlament f’Lulju tal-2020 u hi parti minn kullana ta’ riformi li saret taħt il-Gvern ta’ Robert Abela.
Din ir-riforma ddaħħlet fis-seħħ il-qbil ta’ żewġ terzi fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż dwar l-għażla ta’ President tar-Repubblika.
Qal, “Robert Abela mexxej tal-għaqda. Robert Abela mexxej tal-għaqda, għax bena kunsens, għax ftiehem mal-Kap tal-Oppożizzjoni, għax irrenja l-buon sens u ntagħżlet persuna tajba, persuna li tgħaqqad lil pajjiżna u tgħaqqad lil Malta.”
Id-Deputat Laburista tkellem dwar il-kompetenza tan-Nutar Spiteri Debono, li nhar il-Ħamis 4 ta’ April uffiċjalment tingħata l-ġurament tal-ħatra fl-istess sena li nfakkru l-50 anniversarju tar-Repubblika ta’ pajjiżna.
Qal, “Hi persuna ta’ kompetenza, hi persuna li taf il-Kostituzzjoni. Kienet President tal-Kamra tad-Deputati u allura għandha l-kompetenza li tmexxi ’l quddiem u ejja nkunu kburin bl-għaqda li ntweriet ilbieraħ u din l-għaqda għandha wkoll tirrenja f’affarijiet oħrajn ’il quddiem f’pajjiżna.”
Sadanittant, fi stqarrija l-għaqda Nisa Laburisti awgurat lin-Nutar Spiteri Debono li se tkun it-tielet President mara għal pajjiżna.
Intqal kif il-fergħa Laburista hi onorata li Spiteri Debono kienet ukoll parti minnha, fejn fost l-oħrajn okkupat il-kariga ta’ President tagħha fid-disgħinijiet.